Keeping in touch?

KEEPING IN TOUCH? Send email to teatrumalti@blogspot.com to receive update notifications.

Tuesday 12 January 2016


VOLUME THREE      THE SCREENPLAY SERIES 

January 2016


An adaptation in four parts
from the stage play 


GĦASFUR TAĊ-ĊOMB 









Maltese Theatre - TeatruMalti - Teatru Malti - Drammi bil-Malt                                                                           i

Mill-Ġurnali

Ix-xeneġġjaturi ta' Oreste Calleja: 'Skart' u 'Tliet Siltiet.

L-Orizzont- 20.01.2016


Wieħed mill-aħħar avvenimenti kulturali tas-sena 2015 kien it-tnedija tas-sensiela ta' kotba maħruġa mid-drammaturgu veteran tat-teatru Malti, Oreste Calleja. Din hija serje ta' kotba li tolqot dak li jista' jitqies bħala qasam ġdid għall-pubblikazzjonijiet lokali – qasam dedikat għax-xeneġġjaturi, jew skripts miktuba apposta biex jinħadmu fuq it-televiżjoni jew taħt forma ċinematika oħra.
L-ewwel żewġ xogħlijiet li l-awtur għażel biex iniedi f'din is-sensiela ta' xogħlijiet huma 'Skart' u 'Ċens Perpetwu'. L-għażla tidher li saret bi ħsieb, għax tinkludi żewġ xogħlijiet li hemm aktar minn erbgħin sena jifirduhom. Fil-fatt, għalkemm 'Skart' huwa l-aktar xogħol riċenti ta' Calleja, 'Ċens Perpetwu' jmur lura għal tmiem is-snin sittin, meta kien deher l-ewwel darba fuq it-televiżjoni lokali, bi produzzjoni ta' Charles Abela Mizzi.
Kien dramm fl-istil tat-teatru tal-assurd, dramm hekk imsejjaħ 'iswed' tipiku ta' żmienu u li deher stampat fil-ġabra '4 Drammi' ta' Oreste Calleja, li għamel żmien twil fil-kurrikulu nazzjonali tal-letteratura Maltija.
Min-naħa l-oħra, 'Skart' jirrakkonta ġrajja kontemporanja ta' bniedem kwalunkwe li jsib ruħu f'salib it-toroq hekk kif il-kamera ssegwih f'dik li l-awtur isejjaħ 'kammerspiel' semitraġiku tul ġurnata 'normali' ta' ħajtu, li ma tirriżultax daqshekk normali fi tmiem il-jum.
Calleja jiffoka fuq il-bidla fl-istil u t-teknika ġdida li joffri l-iżvilupp teknoloġiku, filwaqt li jżomm nisġa ta' ġrajja li tibqa' essenzjalment personali. L-awtur iħalli f'idejn il-qarrejja biex forsi jqabblu dak li jisiltu minn dawn iż-żewġ xogħlijiet ma' dak li bħalissa jsegwu b'tant ħerqa fuq it-televiżjoni.
It-tieni volum fis-sensiela tax-xeneġġjaturi huwa '3 Siltiet', li jikkonsisti f'ġabra ta' xeni meħudin minn tliet drammi għall-palk ta' Calleja - 'Il-Belliegħa fil-Bir', 'U l-Anġlu Ħabbar', u 'Għasfur taċ-Ċomb' - f'adattament speċifiku għat-televiżjoni jew iċ-ċinema. Għal darba oħra tentattiv innovattiv fil-qasam tal-kitba drammatika.
Oreste Calleja kien fost l-ewwel kittieba li ħarġu mill-Moviment Qawmien Letterarju fi tmiem is-sittinijiet, meta kien membru tal-kumitat tal-istess moviment. Ix-xogħlijiet tiegħu jikkonsistu f'xogħlijiet għall-palk, it-televiżjoni u r-radju u jinsabu disponibbli fis-sit tal-internet tal-awtur, li tagħti kronoloġija sħiħa tal-ħidma tiegħu bħala drammaturgu kif ukoll il-kitba tiegħu favur il-kitba drammatika matul dawn l-aħħar snin.

Minkejja li għamel nofs ħajtu nieqes minn Malta, ix-xogħlijiet tiegħu nħadmu fuq il-palk, ir-radju u t-televiżjoni. Il-ħsieb tiegħu hu li eventwalment il-ħażna ta' dawn ix-xogħlijiet, kemm tal-bidu kif ukoll tal-preżent, tiġi pubblikata u stampata kif ukoll offruta lill-pubbliku permezz ta' mezzi diġitali mis-sit www.orestecalleja.com
Ix-Xeneġġjaturi